L-Iskema ta’ Restawr tal-Kunsill Lokali, li tnediet l-ewwel darba fl-2015, għandha l-għan li tippreserva l-wirt storiku ta’ Malta billi tiffaċilita proġetti żgħar jew medji ta’ restawr għal bini u monumenti vernakulari. L-iskema li hija amministrata mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, tippermetti lill-Kunsilli Lokali jipproponu proġetti ta’ restawr għal siti storiċi, li jistgħu jinkludu knejjes, kappelli, torrijiet, statwi, u monumenti oħra. Id-dipartiment isegwi l-proċess kollu, mill-ippjanar tal-proġett sal-eżekuzzjoni, bl-użu ta’ tagħmir speċjalizzat għall-istħarriġ u l-investigazzjoni xjentifika biex jippermetti li l-metodoloġiji ta’ restawr li jintużaw ikunu b’informazzjoni sħiħa.