Servizzi

Skema ta’ Restawr tal-Kunsill Lokali

L-Iskema ta' Restawr tal-Kunsill Lokali, li tnediet l-ewwel darba fl-2015, għandha l-għan li tippreserva l-wirt storiku ta' Malta billi tiffaċilita proġetti żgħar jew medji ta' restawr għal bini u monumenti vernakulari. L-iskema li hija amministrata mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, tippermetti lill-Kunsilli Lokali jipproponu proġetti ta' restawr għal siti storiċi, li jistgħu jinkludu knejjes, kappelli, torrijiet, statwi, u monumenti oħra. Id-dipartiment isegwi l-proċess kollu, mill-ippjanar tal-proġett sal-eżekuzzjoni, bl-użu ta’ tagħmir speċjalizzat għall-istħarriġ u l-investigazzjoni xjentifika biex jippermetti li l-metodoloġiji ta' restawr li jintużaw ikunu b’informazzjoni sħiħa.

Kunsill tal-Arti: Restawr ta’ Proprjetà Immobbli

L-Iskema ta' Finanzjament għar-Restawr toffri appoġġ finanzjarju għat-tiswija u l-konservazzjoni ta' proprjetà kulturali immobbli, li jinkludu artali, dekorazzjoni arkitettonika, kif ukoll pittura, fi ħdan knejjes Parrokkjali taħt l-Arċidjoċesi ta' Malta u d-Djoċesi ta' Għawdex. Biex il-proprjetajiet ikunu eliġibbli jridu jissodisfaw il-kriterji tal-wirt kulturali u jkollhom mill-inqas 50 sena.  Dan skont l-Att dwar il-Wirt Kulturali ta' Malta. L-applikazzjonijiet huma miftuħa għal: Organizzazzjonijiet kulturali, bħal każini tal-baned, assoċjazzjonijiet, u fondazzjonijiet, li  rreġistraw bħala Organizzazzjonijiet Volontarji f'lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Organizzazzjonijiet Volontarji Rreġistrati li jippromwovu u jippreservaw il-wirt kulturali (kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli) f'lokalità jew reġjun f'Malta u Għawdex.