Restawr tan-Niċċa ta’ San Pawl – Iż-Żurrieq (PA/07400/22)
Fil-qalba storika taż- Żurrieq, fejn jiltaqgħu Triq San Pawl ma’ Triq San Bartilmew, tinsab niċċa żgħira, iżda sinifikattiva, iddedikata lil San Pawl. Din in-niċċa li ġiet irrestawrata riċentament, tifforma parti mit-tradizzjoni għanja Maltija ta’ xbihat reliġjużi li naraw imxerrda mat-toroq tal-pajjż kollu.
Mhijiex magħrufa d-data eżatta ta’ meta nbniet. Fin-niċċa li hija għolja tmien filati, li tinsab fil-kantuniera bejn żewġ toroq, insibu statwa ta’ San Pawl. Din ġiet ispirata minn dik famuża li Melchiorre Gafà ħadem għall-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta. Dawn in-niċeċ li naraw fit-toroq kienu ħafna drabi kkummissjonati bħala att ta’ devozzjoni minn individwi privati li aktar ‘l quddiem saru element ieħor tal-identità kulturali u reliġjuża ta’ pajjiżna. Minħabba l-valur patrimonjali tagħha, is-Sovrintendenża tal-Patrimonju Kulturali elenkat in-niċċa ta’ San Pawl bħala proprjetà ta’ “valur soċjali, artistiku u arkitettoniku għoli” fl- inventarju nazzjonali tal-patrimonju kulturali ta’ Malta.¹
Il-Proċess tar-Restawr
Ir-restawr iffoka fuq il-konservazzjoni u ntweriet sensittività kbira fejn kien meħtieġ it-tiġdid. Tneħħew inserzjonijiet tal-metall u wajers. In-niċċa tnaddfet b’attenzjoni kbira bl-użu ta’ skalpelli, poulticing, nylon brushes u soft water. Ġew applikati kimiċi approvati fejn kien meħtieġ biss. Ġebel li kien iddeterjorat ħafna ġie mibdul ma’ ġebel li jaqbel. Saru interventi bil-plastic repairfejn ma kienx hemm bżonn tibdil . Ix-xquq ġew stabbilizzati bl-użu ta’ epoxy resin u fiber carbon rods. L-istatwa kellha pala ta’ id nieqsa li kellha tinħadem mill-ġdid. Tneħħa wkoll s-siment mill-fili u mtlew mill-ġdid bil-ġir mehrież, filwaqt li sar intervent kontra l-l-ilma biex jipproteġi l-wiċċ. Fl-aħħar nett, wara li saret analiżi tat-traċċi taż-żebgħa li nstabet kif ukoll konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, parti min-niċċa u l-pedestall ġew miżbugħin mill-ġdid, dejjemskont il-finituri li nstabu.
Grazzi għal dawn l-interventi, in-niċċa ta’ San Pawl setgħet tiġi ippreservata għal ġenerazzjonijiet futuri. Ir-restawr mhux biss isebbaħ il-pajsaġġ tat-toroq taż-Żurrieq iżda jippreserva wkoll it-tradizzjonijiet dejjiema tal-fidi u s-sengħa f’Malta.
- Inventarju Nazzjonali u Skedar – SCH Malta. (2023). SCH Malta. Retrieved November 28, 2025, from https://schmalta.mt/national-inventory-and-scheduling-page/