Restawr tal-knisja tal-Madonna tal-Grazzji, Ta’ Ċejlu – Marsa
Bl-iżvilupp ta’ Portu Novu mill-1860 ’il quddiem fi żmien il-Gvernatur Sir John Gaspard Le Marchant (1803–1874), il-popolazzjoni tal-Marsa bdiet tiżdied bil-mod il-mod mill-ftit bdiewa u sajjieda li kien hemm. Fl-1870, l-avukat Giuseppe Zammit, li kellu art fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Ċejlu, bena minn butu l-knisja ddedikata lill-Madonna tal-Grazzji.
Il-knisja ta’ Ċejlu, kif inhi magħrufa, hija mibnija fi stil barokk b’koppla u żewġ kampnari bil-qniepen. Għal ħafna snin kienet l-unika knisja qrib ir-residenti tal-Marsa sakemm inbniet il-knisja parrokkjali tat-Trinita’ Qaddisa fl-1909. Il-knisja ġarbet ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija (ara Figura 2).1
Ftit wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-qanpiena tal-vapur MV Pampas ġiet installata fil-kampnar tal-Knisja ta’ Ta’ Ċejlu bħala tifkira tal-perseveranza ta’ Malta matul il-gwerra. 2 Il-Pampas kien parti mill-Konvoj MW10 li wasal Malta f’Marzu tal-1942 taħt attakki qawwija mill-ajru u mill-baħar mill-forzi Ġermaniżi u Taljani. 3 Għalkemm il-vapur eventwalment għereq fil-Port il-Kbir, parti mill-merkanzija tiegħu ġiet salvata u għenet biex issostni lil Malta matul l-assedju. Għal ħafna snin, il-qanpiena tal-Pampas daqqet flimkien maż-żewġ qniepen tas-seklu 19 tal-knisja maħduma minn Giulio Cauchi. Madankollu, peress li kienet qanpiena ta’ vapur, il-ħoss tagħha kien qawwi wisq u mhux adattat għall-kampnar. B’kollaborazzjoni mal-Mużew Marittimu ta’ Malta, Patri Alfred Tabone OFM ħa ħsieb li tiġi sostitwita b’qanpiena iżgħar mill-Knisja ta’ San Mattew fi Treorchy, Wales li ġiet provduta mill-Keltek Trust. Wara li tneħħiet mill-kampnar tal-knisja, il-qanpiena oriġinali tal-Pampas ġiet mogħtija lill-Mużew Marittimu ta’ Malta fejn illum tifforma parti minn kollezzjoni ta’ artefatti marittimi tal-gwerra flimkien mal-qniepen tal-Breconshire, Talabot u diversi vapuri eskorti tar-Royal Navy.4
Fil-21 ta’ Ġunju 1958, il-knisja saret il-Knisja Uffiċjali tal-Appostolat tal-Baħar u għaddiet taħt il-ħarsien tal-Patrijiet Franġiskani ta’ Ġieżu.5
Xogħlijiet ta’ restawr
Ix-xogħol ta’ restawr inkluda tindif tal-faċċata u tal-kampnari mill-ħmieġ u l-qoxra sewdenija li akkumulaw maż-żmien, kif ukoll it-tneħħija ta’ żebgħa u qatran minn diversi partijiet. Sar ukoll it-tikħil tal-fili miftuħa u t-tibdil tal-ġebel iddeterjorat, b’mod speċjali fil-kampnari u fil-parti ta’ fuq tal-faċċata. Barra minn hekk, tneħħa l-kisi tas-siment u ż-zokklatura tal-irħam li kienu ġew miżjuda aktar tard. Sar restawr estensiv fuq il-pedestall tas-salib u s-salib inniffsu ġie mibidul sabiex reġgħa ġie jirrifletti il-proporzjonijiet oriġinali ta’ kif kienu qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Żidiet, bħan-niċċa u l-bolavostri ta’ fuq iż-żuntier li żdiedu riċentment, ġew imneħħija.
Referenzi
- Dimech, P. (1990). Kappelli fil-Marsa. Il-Marsa : programm tal-festa tas-Santissima Trinità, 1990
- Magro Conti, E. (2020, June 9). Maltese Projects – Gallery: Marsa, Our Lady of Graces. KELTEK TRUST. Retrieved May 18, 2026, from https://www.keltektrust.org.uk/malta.html
- Magro Conti, 2020.
- Magro Conti, 2020.
- Dimech, P. (1990).