Restawr tat-Torri tal-Ilma, Ħamrun
L-akkwadott mibni mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt bejn l-1610 u l-1615 sabiex iġorr l-ilma bil-gravità mis-sorsi f’Ħad Dingli u r-Rabat lejn il-belt fortifikata ta’ Valletta, kien jinkludi tliet torrijiet ta’ spezzjoni tal-ilma mibnija f’Santa Venera, fil-Ħamrun u fil-Furjana.1 It-torri fil-Ħamrun, magħruf popolarment bħala Il-Monument tat-Tromba u t-Turretta ta’ Atoċja, oriġinarjament kien struttura wieqfa waħedha f’kampanja miftuħa, iżda llum jinsab bejn id-djar fi Triq San Gejtanu. 2 Huwa torri żgħir ċilindriku bin-nofs t’isfel inklinat, mibni fuq il-fil, fuq għoli ta’ 31 filata, jilħaq għoli ta’ 8.5 metri u huwa wiesa’ 5 metri fil-bażi. Minn ġewwa, it-torri fih kamra ċilindrika b’taraġ garigor dejjaq li jdur u jwassal sat-terrazzin. Il-faċċata ta’ barra li tħares lejn it-triq hija mżejna bi stemma tal-irħam li jġorr l-arma tal-Gran Mastru Wignacourt u kitba bil-Latin. 3 Meta tiġi tradotta, il-kitba tfisser: “Kif hemm il-ħajja fl-ilma, il-ħajja bdiet mill-ilma.”4 Is-sena 1613 tinsab imnaqqxa fuq il-ħitan tiegħu. 5 It-torri kien iddisinjat biex jippermetti kemm possibilita’ ta’ spezzjoni tal-ilma li kien nieżel lejn il-Belt Valletta kif ukoll biex jippermetti li l-arja maqbuda toħroġ mill-pajpijiet tal-ilma. Il-kamra ċilindrika interna tat-torri kienet timtela sa fuq nett bl-ilma li kien jasal mill-akkwadott u mbagħad jinħeles bi pressjoni akbar minn isfel f’katusa oħra biex b’hekk l-ilma seta’ jivvjaġġa distanza akbar.
Xogħlijiet ta’ restawr.
L-interventi ta’ restawr iffukaw l-aktar fuq il-faċċata esterna li tħares lejn it-triq u kienu jinkludu t-tneħħija ta’ kisi tas-siment, it-tindif tal-ġebel minn tkabbir bijoloġiku, qoxra sewda u depożiti superfiċjali oħra, kif ukoll it-tiswija u l-konsolidazzjoni tal-ġebel li kienu imkisser jew iddeterjorat. Ix-xogħlijiet inkludew ukoll it-tiswija u l-manutenzjoni tas-saqaf u t-taraġ intern li jwassal għalih.
Referenzi:
1. Grima, J. F. (2019, April 21). Construction and inauguration of Wignacourt’s aqueduct 1610-1615. The Sunday Times of Malta,
2. Zammit, Vincent (1992). Il-Gran Mastri – Ġabra ta’ Tagħrif dwar l-Istorja ta’ Malta fi Żmienhom – L-Ewwel Volum 1530–1680. Valletta: Valletta Publishing & Promotion Co. Ltd.
3. Restoration works scheme for Local Councils : projects undertaken in 2015-2023. (2024). Restoration and Preservation Department.
4. “The Water Supply of the Maltese Islands” (PDF). Archivum Melitense. VII (1). Malta Historical and Scientific Society (1922).
5. Restoration and Preservation Department. (2024).