Restawr tan-niċċa tal-Madonna ta’ Loretu, il-Kalkara
Fost in-niċeċ li jinsabu fil-Kalkara, waħda mill-eqdem hija dik tal-Madonna ta’ Loreto, li tinsab fi Triq Rinella u tmur lura għall-aħħar tas-seklu dsatax jew il-bidu tas-seklu għoxrin. In-niċċa fiha statwa tal-ġebel tal-Madonna bil-Bambin, imqiegħda fuq mensola tal-ġebel. L-istatwa għandha xogħol ta’ skultura fin, b’mod partikolari fil-panneġġ tal-ilbies u l-mant tal-Madonna, li jidher imdawwar mal-Bambin. Kemm il-Madonna kif ukoll il-Bambin huma maħduma b’attenzjoni għad-dettall, għalkemm il-pedestall ta’ taħthom huwa sempliċi u ma jilħaqx l-istess livell artistiku.
Niċeċ iddedikati lill-Madonna ta’ Loreto huma rari f’Malta, u din x’aktarx tirrifletti d-devozzjoni li l-Patrijiet Kappuċċini kellhom lejn dan it-titlu Marjan, devozzjoni li kienet ilha teżisti fil-knisja tagħhom tal-Furjana u li xterdet ukoll mill-kunvent tal-Kalkara lejn l-inħawi tal-madwar.1 Fl-1883 twaqqfet il-Kongregazzjoni Universali tad-Dar Imqaddsa mill-Isqof ta’ Loreto Monsinjur Tommaso Galucci. Din il-Kongregazzjoni ġiet fdata f’idejn il-Patrijiet Kapuċċini permezz ta’ ftehim li ntaħaq fl-1884. L-għan ewlieni ta’ din il-Kongregazzjoni huwa t-tixrid tad-devozzjoni u l-għarfien fuq id-Dar Imqaddsa fis-Santwarju ta’ Loreto.2 Fl-1898, l-Isqof Pietru Pace ta’ erbgħin jum ta’ indulġenzi lil min jgħid Salve Regina quddiem din in-niċċa.3
Xogħol ta’ restawr:
Ix-xogħlijiet ta’ restawr kienu jinkludu t-tneħħija bir-reqqa ta’ depożiti superfiċjali, akkumulazzjonijiet u saffi taż-żebgħa li kienu qed jitqaxxru, kemm fuq l-istatwa, kif ukoll fil-pedestall. Sar ukoll tiswija tal-partijiet tal-ġebel li kienet iddeterjorat permezz ta’ plastic repair, filwaqt li l-ġebel fraġli u mfarrak ġie ikkonsolidat biex terġa’ tinkiseb l-integrità strutturali tiegħu. Il-fili fil-pedestall imbagħad ġew mimlijja mill-ġdid b’taħlita bbażata fun il-ġir, u l-intervent ġie konkluż bl-applikazzjoni ta’ saff protettiv ta’ żebgħa kulur il-ġebel biex tittejjeb il-protezzjoni u l-koerenza viżiva tal-monument.
Referenzi:
- Terribile, T. (2000). Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin. Kullana Kulturali. Pubblikazzjonijiet Indipendenza.
- Informazzjoni meħuda mis-sit https://www.santuarioloreto.va/en/congregazione-della-santa-casa.html. 07.2026.
- Ciantar, N. (2013). Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex. APS Bank Limited.