Restawr tal-istatwa ta’ San Publiju Floriana
Il-Knisja ta’ San Publiju fil-Furjana bdiet tinbena fl-1733 u kienet ibbazata fuq pjanta attribwita lil Francesco Marandon. Fl-1844, il-knisja ta’ San Publiju fil-Floriana saret parroċċa u kompliet tikber maż-żmien.
Fit-28 ta’ April 1942, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-knisja ġarrbet ħsarat kbar, b’mod partikolari f’partijiet mill-faċċata tas-seklu dsatax iddisinjata minn Nicola Zammit. Ix-xogħlijiet biex jinbnew mill-ġdid il-partijiet tal-knisja li ġġarrfu wara li ntemmet il-gwerra fl-1945.1
L-istatwa tal-ġebel tal-qaddis patrun tal-Furjana, San Publiju, tinsab fil-ġenb tal-knisja. Skont irħama li hemm fuq il-pedestall tal-istess statwa, l-istatwa twaqqfet fl-1914, b’tifkira tas-sehem li l-Knisja Parrokjali kellha fl-erbgħa u għoxrin Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1813. Il-lapida li naraw illum hija replika tal-oriġinali li kienet inqerdet fl-1942 matul it-Tieni Gwerra Dinjija.2
Xogħol ta’ Restawr
L-istatwa u l-pedestall tqaxxru minn diversi passati ta’ żebgħa li ngħataw matul iż-żmien. Residwu ieħor tneħħa permezz ta’ dry/wet brushing. Tnaddfu l-fili u reġgħu mtlew mill-ġdid. Saru xi tiswijiet fil-ġebla permezz tal-plastic repair. Is-swaba nieqsa ta’ id il-leminijja ta’ San Publiju inħadmu mill-ġdid. Inħadem ukoll baklu ġdid. L-istatwa u l-pedestall ġew miżbugħa mill-ġdid. Bieba tal-aluminium li kien hemm fil-pedestall ġiet mibdula ma’ waħda tal-injam. Inħadmet ukoll lampa ġdida għall-quddiem l-istatwa. L-ittri tal-irħama nżebgħu mill-ġdid biex ikunu jistgħu jinqraw. Ix-xogħol twettaq fl-2022.
Referenzi:
- Church of St. Publius. (2012). NICPMI Inv. No. 00508. National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands.
- Ciantar, N. (2013). Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex. APS Bank
Ritratt tal-knisja parrokjali ta’ San Publiju fil-Floriana fl-1960s. L-istatwa tidher fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja. (Knisja Parrokjali San Publiju. c.1960. Tony Terribile Photographic Collection. Koppli u Kampnari f’Malta Vol.1. Il-Floriana. The National Archives of Malta.)
