Restawr ta’ Statwa ta’ Santa Marija – Ħal Balzan
Bejn Triq Santa Marija u Main Street f’Ħal Balzan tinsab knisja żgħira iddedikata lil Madonna. Quddiem din il-knisja hemm statwa tal-ġebel li tirrappreżenta lil Marija Assunta xogħol l-iskultur Sigismondo Dimech fl-1838.1 Din l-istatwa saret bħala wegħda li kienet saret għall-ħelsien mill-pesta tas-sena 1837.2
L-istatwa, maħduma fil-ġebla tal-franka, tirrappreżenta lill-Verġni Marija tielgħa s-sema. Fattur partikolari huwa li l-Madonna hija inkurunat, għax normalment l-Assunta ma tiġix murija b’dan il-mod.
L-istatwa tistrieħ fuq pedestall elaborat maqsum f’żewġ sezzjonijiet. Is-sezzjoni ta’ fuq tal-pedestall, li meta wieħed iħares lejha mil-livell tat-triq tidher li tifforma parti kontinwa mal-istatwa nnifisha (jiġifieri bħal donnu nħadmet mill-istess blokka tal-ġebel), hija rikka ħafna f’motivi skulturali u dekorattivi. Is-sezzjoni t’isfel, li hija aktar sempliċi iżda ferm ogħla, tikkonsisti f’zokklatura għolja, pannelli ċentrali inkwadrati minn skrollijiet fil-kantunieri u gwarniċun fil-parti ta’ fuq.
L-arranġament partikolari u d-differenza notevoli fl-istil bejn is-sezzjoni ta’ fuq u dik t’isfel tal-pedestall tissuġġerixxi li l-istatwa (inkluża s-sezzjoni tal-pedestall li magħha hija magħquda) setgħet oriġinarjament ġiet iddisinjata għal post ieħor u sussegwentement tqiegħdet fil-lokalità attwali tagħha fuq il-pedestall t’isfel.
Il-bażi tal-istatwa hija mdawra bi grada tal-ħadid, filwaqt li fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pedestall hemm ukoll bracket dekorattiva tal-ħadid li issostni l-fanal.
Qabel ma nħolqot din l-istatwa kien hemm oħra flokha. Illum din l-istatwa ta’ qabel tinsab quddiem il-knisja tal-Madonna tal-Minsija fl-inħawi ta’ San Ġwann.3
Xogħol ta’ restawr
L-istatwa tal-Madonna flimkien mal-pedestall tagħha ġew żarmati u tniżżlu fl-art. L-istatwa ġiet ittrattata kontra l-melħ, ikkonsolidata u restawrata fuq il-post filwaqt li l-elementi ndividwali tal-pedestall nġarru lejn l-uffiċini tal-RPD sabiex isiru xogħlijiet ta’ trattament kontra l-melħ, konsolidazzjoni u restawr fuqhom. Wara li tlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr, l-istatwa reġgħet ngħaqdet fuq is-sit.
Partijiet mis-saljaturi tal-pedestall ġew maħduma bl-idejn mill-ġdid minħabba li kienu deterjorati. Dawn imbagħad ġew imwaħħla f’posthom permezz ta’ epoxy resin u fibre rods. Żewġ ġebliet kbar kellhom jiġu mibdula. Ġew skolpiti tliet rożetti ġodda. Żewġ swaba u xi partijiet tal-kuruna ġew minquxa fil-ġebla u mwaħħla bl-użu ta’ epoxy resin u fibre rods. Kemm il-pedestall kif ukoll l-istatwa ġew miżbugħa mill-ġdid. Tqiegħed saff kontra l-umdità bejn il-pedestall u l-istatwa.
Referenzi:
- Terribile, T. (2000). Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin. Kullana Kulturali. Publikazzjonijiet Indipendenza.
- Fenech, M. (2018). Il-knisja ta’ Santa Marija fĦal Balzan. Festa titulari ta Santa Marija, l-Imqabba 2018.
- Terribile T. (2000)