Restawr tan-Niċċa ta’ San Pawl – Iż-Żurrieq
Fiċ-ċentru storiku taż-Żurrieq, fejn jiltaqgħu Triq San Pawl u Triq San Bartilmew, tinsab niċċa modesta iżda sinifikattiva, iddedikata lil San Pawl. Din in-niċċa li ġiet irrestawrata riċentement tifforma parti mit-tradizzjoni għanja Maltija ta’ xbihat reliġjużi li naraw imxerrda mat-toroq tal-pajjiż kollu.
Id-data eżatta ta’ meta nbniet in-niċċa mhijiex magħrufa. Għolja tmien filati, in-niċċa tinsab fil-kantuniera bejn żewġ toroq u fiha nsibu statwa ta’ San Pawl, ispirata minn dik famuża statwa li Melchiorre Gafà ħadem għall-knisja kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta.1 Din in-niċċa kienet tiġi imdawla fil-festa tal-qaddis.2 Dawn in-niċeċ li naraw fit-toroq kienu ħafna drabi kkummissjonati bħala att ta’ devozzjoni minn individwi privati u aktar tard saru parti għażiża mill-identità kulturali u reliġjuża ta’ pajjiżna. Minħabba l-valur patrimonjali tagħha, is-Sovrintendenża tal-Patrimonju Kulturali elenkat in-niċċa ta’ San Pawl bħala proprjetà ta’ “valur soċjali, artistiku u arkitettoniku għoli” fl-inventarju nazzjonali tal-patrimonju kulturali ta’ Malta.3
Il-Proċess tar-Restawr
Ir-restawr iffoka kemm fuq il-konservazzjoni tan-niċċa kif ukoll fuq it-tiġdid sensittiv tagħha. In-niċċa u l-istatwa tneħħitilhom iż-żebgħa li parti minnha kienet qiegħda titqaxxar. Ġebel iddeterjorat ġie mibdul b’ġebel simili, filwaqt li ħsarat żgħar ġew ittrattati b’tajn ibbażat fuq il-ġir. Il-mili tal-fili li kien iddeterjora tneħħa u ġie mibdul. L-id nieqsa tal-istatwa ġiet maħluqa mill-ġdid b’attenzjoni kbira fil-ġebla, filwaqt li l-lifgħa u n-nirien ġew irranġati bl-użu tal-epoxy resin. Fl-aħħar nett, l-istatwa reġgħet inżebgħet b’kulur newtrali tal-ġebla, filwaqt li l-isfond tan-niċċa ġie miżbugħ blu ċar.
Referenzi
- Calleja C, (2011) The Influence of Melchiorre Cafa’s St. Paul and the Virgin of the Rosary on Maltese Baroque Sculpture. Page 17. [Unpublished Masters Dissertation. University of Malta].
- Terribile Tony San Pawl fit-Toroq tal-Maltin Leħen is-Sewwa 1986 03 15
- National Inventory and Scheduling – SCH Malta. (2023). SCH Malta. Retrieved November 28, 2025, from https://schmalta.mt/national-inventory-and-scheduling-page/