Niċċa Madonna tal-Karmnu, Mqabba

 

Restawr tan-Niċċa tal-Madonna tal-Karmnu – Mqabba

Din in-niċċa ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu tinsab fil-kantuniera ta’ Triq il-Karmnu u Triq Valletta u hija mżejna b’pilastri Jonjiċi u frontispizju trijangolari.¹ Xi wħud jgħidu li d-disinn ta’ din in-niċċa sar minn Marjanu Gerada (1766-1823) iżda dan probabbilment mhuwiex il-każ, billi huwa maħsub li n-niċċa saret madwar l-1880, meta twettaq ir-restawr fuq il-bini li tifforma parti minnu n-niċċa.² L-istatwa żgħira u n-niċċa ġew restawrati fl-1934, u dan ir-restawr tħallas minn Karmenu Zammit, is-sid tad-dar.

Kull sena, Zammit kien iżejjen in-niċċa fis-16 ta’ Lulju – jum il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Mill-12 sas-16 ta’ Lulju, kien jitpoġġa velu f’ id l-istatwa.³  Tradizzjoni tgħid li darba dan il-velu waqa’ u nstab minn mara li kienet ilha marida għal xi żmien. Wara ftit jiem, il-mara libset il-velu u fi żmien jumejn fieqet għal kollox.⁴

 

In-niċċa tal-Madonna tal-Karmnu, Mqabba, qabel, u wara, ir-restawr.

 

 

Il-Proċess ta’ Restawr

It-tindif tal-mikro-organizmi bijoloġici beda mill-parti l-aktar għolja tan-niċċa u nżel bil-mod sal- aktar parti baxxa tal-. Saru testijiet ta’ tindif biex jiġi identifikat il-metodu l-aktar effiċjenti u l-inqas invażiv li kellu jintuża. It-tindif sar l-aktar b’mod mekkaniku, bl-użu ta’ ilma nadif u xkupilji tan-nylon. Fuq depożiti aktar reżistenti kienu meħtieġa għodod oħra għat-tindif bħal xfafar kirurġiċi. Wara li saru t-tiswijiet meħtieġa bil-plastic repair, ġiet applikata velatura (tibjida ħafifa ta’ ġir) trasparenti biex tipproteġi l-wiċċ tal-ġebla. Il-lapida li hemm taht in-nicca wkoll giet imnaddfa u irrestawrata, biex b’hekk issa hija aktar legibbli.

  1. Farrugia, G. (1999). Storja tan-niċeċ fl – Imqabba.
  2. Ibid.
  3. Ibid.
  4. Ibid.