Restawr tal-faċċata u l-kampnar tal-eks Kappella ta’ San Ġużepp u l-faċċata u l-loġġa tal-Bazaar tal-Fondazzjoni Santa Giovanna Antide li jinsabu maġenbha, Ħal Tarxien
Wara li temm is-servizz tiegħu bħala kappillan ta’ Ħal Balzan fl-1874 Dun Franġisk Caruana bena dar ġdida għalih f’raħal twelidu fi Triq Ħal Tarxien. Bena wkoll kappella żgħira ddedikata lil San Ġużepp.1 Fil-faċċata ta’ din il-knisja insibu niċċa bi statwa ta’ San Ġużepp.2
Fis-snin 1880, ta biċċa art biswit daru biex jinbena istitut għalPatrijiet il-Bojod, li kienu waslu Malta f’Lulju 1881 u ma kellhomx residenza tagħhom. 3 Wara mewtu fil-5 ta’ Novembru 1895, Caruana ħalla d-dar tiegħu f’idejn dawn il-patrijiet. 4
Fl-1901, l-istitut u l-kappella nxtraw minn Suor Marija Saverja Schembri (SOC), li għaddiethom lis-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Giovanna Antida Thouret u li għadhom hemm sal-lum. 5 Is-sorijiet bidlu t-titular tal-kappella minn San Ġużepp għall-Immakulata Kunċizzjoni u kabbruha għad-daqs preżenti. 6 Kienu huma ukoll li trasformaw l-eks residenza ta’ Dun Caruana f’bażar.
Xogħlijiet ta’ Restawr
Ix-xogħlijiet ta’ restawr għaqqdu tiswijiet strutturali ma’ konservazzjoni estetika tal-kappella u tal-bażar. Tneħħa il-kisi bis-siment mill-faċċati tal-pjan terran u ġie sostitwit b’kisi kompatibbli kulur il-ġebla. Inbidel ġebel iddeterjorat u ssewwew xi xorok. Fili difettużi tneħħew u reġgħu tkaħħlu, u t-tniġġis iswed taħt il-gwarniċi u fil-kampnar tnaddaf. Sar ukoll waterproofing tas-saqaf; tiswijiet bil-plastic repair lill xi ġebel u elementi skulturali; installazzjoni ta’ gastri nieqsa; konsolidazzjoni tal-gastri ta’ fuq il-kampnar; u r- restawr tal-kampnar kollu, inkluża t-tneħħija u r-rinstallazzjoni tal-qniepen li fuqhom sar xogħol ta’ konservazzjoni. L-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet irrestawrata u msebbħa b’dijadema u bastun tal-fjuri tal-metall maħdumin ġodda.
Sar ukoll ir-restawr tal-aperturi tal-injam u nbidlu żewġ aperturi tal-aluminju b’oħrajn ġodda tal-injam. Il-faċċata ġiet imnaddfa, ġew irrestawrati elementi tal-ħadid, u t-turġien tad-daħla ġew miksija bl-irħam ta’ Carrara. Is-sistemi tal-elettriku ġew riorganizzati, filwaqt li l-loġġa tal-bażar ġiet miksija u miżbugħa mill-ġdid. Reġa’ sar ukoll il-madum tal-loġġa u ġew restawrati l-balavostri.
Referenzi
- Bonniċi. Id-Dfin f’Malta. 2019.
- Camilleri, J. C. (2014). Il-kult ta’ San Ġużepp f’Ħal Tarxien. Festa Madonna tad-Duttrina, 2014.
- DeBono, J. G. (2018). L-edukazzjoni f’Ħal Tarxien … ftit storja. Tarxien: [Festa Marija Annunzjata] 2018, 37, 39-41.
- Bonnici,2019.
- Camilleri, 2014; Bonnici, 2019.
- Bonnici, 2019.