Restawr tal-Istatwa ta’ Santa Katarina ta’ fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali, Żejtun
Santa Katarina ta’ Lixandra kienet tfajla nobbli u struwita li għexet fil-bidu tas-seklu erbgħa. 1 Skont it-tradizzjoni, hija sfidat lill-Imperatur Massiminu Daia meta dan ordna l-qima tal-allat pagani u għaldaqstant ġiet ikkundannata għall-mewt fis-sena 305 W.K.
Il-qima lejha nfirxet mill-Muntanja Sinaj lejn l-Ewropa kollha, speċjalment wara li l-fdalijiet tagħha waslu Franza fis-seklu ħdax. Sal-Medjuevu kienet saret waħda mill-aktar qaddisin popolari fil-Knisja, patruna tat-teologi, tal-istudenti u ta’ diversi snajja’. Bil-Kruċjati, id-devozzjoni lejha kompliet tikber, u bosta knejjes ġew iddedikati lilha.
Fil-gżejjer Maltin, id-devozzjoni lejn Santa Katerina kienet diġà preżenti fis-seklu ħmistax. Dan huwa implikat permezz ta’ żewġ referenzi li hemm fir-Rollo tal-1436: Prebenda Sanctae Catherinae marbuta mal-Katidral (tip ta’ dħul mill-Katidral li kien jingħata lil membru tal-kleru) u kappella ddedikata għaliha. 2
L-assoċjazzjoni taż-Żejtun ma’ din il-qaddisa saret aktar prominenti għax sal-1797, il-lokalita kienet magħrufa wkoll bhala Casale Santa Caterina, u l-knisja parrokjali nnifisha hija dedikata lilha. 3 Illum il-ġurnata, statwa ta’ dan il-qaddisa tinsab fuq iż-żuntier tal-knisja. L-istatwa li naraw illum, maħduma minn artist mhux magħruf, ħadet post statwa preċedenti xogħol Giovanni Farrugia, bin l-iskultur magħruf Xandru Farrugia. 4 Din l-istatwa preċedenti kienet inħadmet flimkien ma’ oħra ta’ Santu Rokku lejn tmiem is-seklu dsatax sabiex jitqiegħdu fuq iż-żuntier tal-knisja. Madankollu, l-istatwi kienu kkunsidrati kbar wisq għall-post u għalhekk ġew trasferiti fiċ-ċimiterju li jinsab ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor. 5 Statwi ġodda imbagħad ġew magħmulin għaż-żuntier u tqiegħdu fuq pedestalli iddisinjati minn Mastru Ġużeppi Zahra. 6 Fl-1899, l-Isqof Pietru Pace ta indulġenza ta’ erbgħin jum lil kull min jitlob b’devozzjoni quddiem din ix-xbieha. 7
Xogħlijiet ta’ restawr.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr bdew bit-tneħħija kawtela ta’ saffi differenti ta’ żebgħa li kienu akkumulaw matul is-snin, kemm fuq l-istatwa kif ukoll fuq il-pedestall. Il-fdalijiet li kien fadal tneħħew permezz ta’ dry brushing u wet brushing. Il-fili miftuħa u deterjorati ġew imnaddfa u mtlew mill-ġdid, filwaqt li l-partijiet tal-ġebla li kienu sofrew deterjorazzjoni ġew imsewwija bl-użu tal-plastic repair sabiex reġgħet ingħatat il-profil oriġinali. Ir-ras tal-istatwa li kienet f’riskju li tinqala’, ġiet imwaħħla mill-ġdid permezz ta’ fiber glass rod sabiex tingħata aktar stabbiltà strutturali filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tal-iskultura oriġinali. Wara li tlestew l-interventi ta’ konservazzjoni, l-istatwa u l-pedestall ġew miżbugħa b’diversi applikazzjonijiet ta’ żebgħa undercoat u finish sabiex jiġi żgurat saff protettiv uniformi u li jservi fit-tul. Fl-aħħar nett, l-ittri mnaqqxa fuq l-iskrizzjoni tal-irħam reġgħu nżebgħu mill-ġdid bir-reqqa b’ żebgħa sewda biex jinqraw aħjar filwaqt li tiġi rispettata id-dehra oriġinali tagħhom.
Referenzi
- Farruġia, J. (2002). Diskors mogħti nhar il-Ħadd 6 ta’ Novembru 2005 waqt akkademja mużikoletterarja fil-Monasteru ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fil-Belt Valletta flokkażjoni tas-Sbatax-il Ċentinarju mill-martirju u l-glorifikazzjoni ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra. kappellimaltin.com.
- Borg, V. (2008). MELITA SACRA I**: The Maltese diocese and the Sicilian environment from the Norman period till 1500AD (Vol. 2). Ippubblikat mill-awtur stess.
- Cassar, C. (1981). “O Melita Infelix”, poeżija dwar l-Assedju l-Kbir miktuba fl-1565. Melita Historica, 8(2), 149-155.
- Debono, S. (1989). Sta. Katerina fil-folkore Malti x-xbihat u n-niċċeċ ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun. Għaqda tan-Nar 25 ta’ Novembru. Żejtun.
- Wirt Iż-Żejtun. (2023, November 22). In-Numru mija u tmienja u għoxrin (128) mis-sensiela “Nitfa Storja” – Statwa ta’ Santa Katarina. Facebook. Irkuprat fis-16 ta’ Lulju 2026 minn https://www.facebook.com/story.php?story_fbid=830420662424702&id=100063703261060
- Debono, S. (1989)
- Ciantar, N. (2013). Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex.