Restawr tan-niċċa ta’ San Mikiel Arkanġlu Bormla

Restawr tan-niċċa ta’ San Mikiel Arkanġlu  Bormla

 

Bormla hija waħda mill-parroċċi Marjani ewlenin fil-gżejjer Maltin, iddedikata lill-Marija Immakulata. Kien fis-sena 1584 li Bormla nqatgħet mill-parroċċa tal-Birgu u saret parroċċa għaliha. Tul aktar minn erba’ mitt sena, il-qima lejn il-Madonna kibret u xxterdet b’mod qawwi fost il-Bormliżi.

Din il-parroċċa kienet sa minn dejjem magħrufa għan-numru kbir ta’ fratellanzi li kienu jiffjorixxu fi ħdanha. Dawn taw sehem importanti fit-tixrid u t-tkabbir tad-devozzjoni lejn il-Madonna kif ukoll lejn bosta qaddisin, fosthom Sant’Agata, Sant’Andrija, San Ġużepp u San Mikiel Arkanġlu. Matul is-snin, fil-knisja parrokkjali nbnew altari u saru statwi ddedikati lil dawn il-qaddisin, il-patruni tal-fratellanzi, u kull sena kienet tiġi ċċelebrata l-festa tagħhom.

Permezz tal-ħidma tagħhom, il-membri ta’ dawn il-fratellanzi ħadu ħsieb u xerrdu din id-devozzjoni fil-qlub tal-Bormliżi. Għalhekk, fit-toroq ta’ Bormla għadhom sal-lum jinstabu diversi niċeċ iddedikati lil San Ġużepp, San Mikiel u Sant’Andrija.1  Din in-niċċa ta’ San Mikiel Arkanġlu tinsab fi Triq Santa Margerita kantuniera ma’ Triq Matty Grima. 

Xogħlijiet ta’ restawr

Ix-xogħlijiet ta’ restawr bdew bit-tneħħija kawtela ta’ saffi differenti ta’ żebgħa li kienu akkumulaw matul is-snin. Dak li kien fadal tneħħa permezz ta’ dry brushing u wet brushing. Il-fili miftuħa u deterjorati ġew imnaddfa u mtlew mill-ġdid, filwaqt li l-partijiet tal-ġebla li kienu sofrew deterjorazzjoni ġew imsewwija bl-użu tal-plastic repair sabiex reġgħu ingħataw il-profil oriġinali. Ġewnaħ tal-Arkanġlu, li kien nieqes, ġie skolpit fil-franka u mwaħħla mill-ġdid permezz ta’ fiber glass rod sabiex tingħata aktar stabbiltà strutturali filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tal-iskultura oriġinali. Wara li tlestew l-interventi ta’ konservazzjoni l-istatwa reġgħet ġiet miżbugħa mill-ġdid.

Referenza:

  1. Terribile, T. (2000). Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin.  Pubblikazzjonijiet Indipendenza.