Restawr ta’ Casino Notabile – Mdina

Restawr ta’ Casino Notabile Mdina

 

Casino Notabile, wieħed mill-aktar każini soċjali distinti f’Malta, jokkupa pożizzjoni prominenti li tħares fuq iż-żona magħrufa bħala tas-Saqqajja bejn ir-Rabat u l-Imdina. Mibni fi stil neo-klassiku eleganti, il-każin twaqqaf fi żmien meta l-ħajja soċjali tal-klassijiet tal-professjonisti u tan-nofs f’Malta kienet għadha prinċipalment tiffoka fuq djar privati, każini tal-banda u taverni.

Fl-1886, grupp ta’ persuni prominenti xtaqu joħolqu post raffinat fejn il-membri setgħu jiltaqgħu għal skopijiet soċjali u intellettwali. 1 Applikazzjoni għall-bini tal-każin tressqet lill-Gvern kolonjali fis-7 ta’ Awwissu 1886, u l-permess ingħata ftit wara mis-Segretarju Ewlieni Walter Hely Hutchinson. Il-pjanta tal-binja tħejjiet mill-perit Webster Paulson (1837–1887), wieħed mill-aktar periti rispettati ta’ dak iż-żmien f’Malta.

In-Nutar Pubbliku Francesco Saverio Camilleri ħejja l-kuntratt skont il-kundizzjonijiet maqbulin minn qabel. Fid-29 ta’ Diċembru 1886, Dr George Cousin u l-Kanonku Kolleġġjali Dun Vincenzo Vassallo kienu preżenti għall-iffirmar tiegħu. 2 Il-ftehim stabbilixxa enfitewsi ta’ 99 sena b’ċens annwali ta’ lira u għaxar xelini, li kellu jitħallas f’żewġ pagamenti ndaqs: wieħed fl-1 ta’ Jannar, u l-ieħor f’ Lulju. 3

Is-soċjetà twaqqfet uffiċjalment fl-14 ta’ Awwissu 1888. Fost l-ewwel uffiċjali tagħha kien il-Baruni G.Gourgion de Piro tal-Budaq bħala president. L-inawgurazzjoni tal-Casino saret fis-16 ta’ Awwissu 1888 u għaliha attendew mistednin distinti, membri tal-amministrazzjoni kolonjali u rappreżentanti militari. 4 Iċ-ċerimonja ġiet inawgurata  uffiċjalment mill-Gvernatur Sir Lintorn Simmons, filwaqt li l-Gwardja tal-Unur mir-riġment ta’ Essex u baned militari komplew jagħtu aktar prestiġju lill-okkażjoni.

Iċ-ċelebrazzjonijiet kienu jinkludu daqq ta’ mużika klassika b’xogħlijiet ta’ Handel, Beethoven, Wagner, Boito u Rossini. Il-mistednin inġabru fuq it-terrazzin u fis-swali mżejna b’mod rikk tal-klabb, waqt li gawdew mill-veduti panoramiċi tal-kampanja tal-madwar u tal-bliet storiċi tar-Rabat u l-Imdina. Il-ħitan tas-swali kienu mżejna b’pitturi tal-Granmastri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Waqt iċ- ċelebrazzjonijiet  ġie inawgurat ukoll bust tal-irħam tal-Gvernatur Simmons, xogħol tal-artist Sqalli Giuseppe Valenti, magħruf ukoll għall-monument tar-Reġina Vittorja fil-Belt Valletta.

Imdawwar dak iż-żmien b’kampanja miftuħa u siġar, il-Casino Notabile malajr sar wieħed mill-aktar postijiet prestiġjużi soċjali u kulturali f’Malta. Lil hinn mill-valur arkitettoniku tagħha, il-binja tibqa’ simbolu importanti tas-soċjetà Maltija tas-seklu dsatax u tal-iżvilupp tal-ħajja kulturali tal-gżira fi żmien il-perjodu kolonjali Brittaniku.

Fl-1988, il-klabb fakkar il-mitt sena tiegħu bi programm speċjali ta’ attivitajiet, fosthom dinner dance formali li sar fit-13 ta’ Awwissu, sabiex jitfakkar il-kontribut tal-Casino għall-ħajja soċjali Maltija sħiħ. 5 Wara dawn l-attivitajiet sar ukoll restawr tal-binja minn studenti tal-Iskola tas-Snajja u Restawr Gilormu Cassar, taħt id-direzzjoni tas-Sur Paul Cassar. 6 7

Il-Casino kien amministrat minn kunsill ġenerali magħmul minn massimu ta’ seba’ membri, li erbgħa minnhom kienu azzjonisti eletti kull sentejn waqt laqgħa ġenerali. Fl-1994, wara li skada l-enfitewsi, il-binja reġgħet għaddiet għand il-Gvern. Fl-2005, il-Casino Notabile ġie trasferit lill-Kunsill Lokali tal-Imdina. 8

Xogħlijiet ta’ restawr

Ix-xogħlijiet fuq din il-binja storika kienu kemm ta’ natura strutturali kif ukoll ta’ restawr. Intervenzjonijiet infrastrutturali nkludew introduzzjoni ta’ piles fil-pedamenti u rbit tal-istess piles ma’ xulxin biex  isaħħu u jistabbilizzaw il-pedament. Apparti x-xogħol ta’ konsolidament tal-binja u saqaf ġdid, sar ukoll xogħol estensiv ta’ tindif u restawr tal-ġebla minn barra u minn ġewwa. Il-proġett kien jinkludi wkoll bdil ta’ elementi ta’ kostruzzjoni u ta’ lavur li kienu deterjorati ħafna. Ix-xogħlijiet ewlenin, parzjalment iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u mwettqa taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (dak iż-żmien id-Direttorat tar-Restawr), saru fl-2016/2017, filwaqt li fl-2024 twettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni.

Referenzi:

  1. Galea J., “Casino Notabile: A Centenary” in The Sunday Times, 31 July 1988.
  2. Notarial Archives Foundation, Notary Francesco Savior Camilleri, Vol. 156, 1886, p.1574.
  3. ibid, p.1570.
  4. Galea J., 31 July 1988.
  5. Mdina Cathedral Archives, Casino Notabile, General Circular, 26 July 1988, cited in Matthew Gauci, Casino Notabile: It Was Meant to Be Exclusive (unpublished Bachelor’s dissertation, 2009).
  6. Gauci, M. Casino Notabile: it was meant to be exclusive (unpublished Bachelor’s dissertation, 2009).
  7. The Times, 19th February 1991- “Casino Notabile being restored”.
  8. The Malta Independent. (2005, May 26). The People’s property. Retrieved July 3, 2026.