l-Istatwa ta’ San Rokku, Zuntier tal-Knisja Parrokjali, Żejtun

 

 

Restawr tal-Istatwa ta’ San Rokku, ta’ fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali, Żejtun

San Rokku twieled f’Montpellier, fi Franza, fl-1295, iżda qatta’ ħafna minn ħajtu fl-Italja. 1  Huwa magħruf bħala il-patrun qaddis ta’ kontra l-pesta. Skond it-tradizzjoni, Santu Rokku kien jieħu ħsieb il-vittmi tal-pesta, u aktar tard  hu stess intlaqat mill-pesta waqt li kien fi Piacenza. Biex ma jxerridx il-marda Santu Rokku mar joqgħod ġo foresta. Matul dan iż-żmien, jingħad li kelb kien iġiblu biċċa ħobż kuljum. Hu għalhekk li dan l-annimal sar wieħed mill-attributi ewlenin tiegħu u li ta’ spiss jidher f’rappreżentazzjonijiet artistiċi tal-qaddis.

Wara l-pesta ta’ 1592-1593, id-devozzjoni lejn Santu Rokku nfirxet madwar il-ġżejjer Maltin. 2 Din id-devozzjoni għadha tidwi fil-kappelli, fl-istatwi, fin-niċeċ u fi xbihat oħra tiegħu mwaqqfa matul is-sekli bħala sinjal ta’ devozzjoni u bħala talba għall-protezzjoni kontra l-pesta. 3 Fost dawn ix-xogħolijiet hemm l-istatwa ta’ Santu Rokku fiż-Żejtun li hi wieqfa fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali.

L-istatwa li naraw illum, maħduma minn artist mhux magħruf, ħadet post statwa preċedenti ta’ xogħol Giovanni Farrugia, bin l-iskultur magħruf Xandru Farrugia. 3 Din l-istatwa preċedenti kienet inħadmet flimkien ma’ statwa oħra ta’ Santa Katarina lejn tmiem is-seklu dsatax sabiex jitqiegħdu fuq iż-żuntier tal-knisja. Madankollu, l-istatwi kienu kkunsidrati kbar wisq għall-post u għalhekk ġew trasferiti fiċ-ċimiterju li jinsab ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor. 4 Statwi ġodda imbagħad ġew magħmulin għaż-żuntier u tqiegħdu fuq pedestalli ddisinjati minn Mastru Ġużeppi Zahra. 5 Fl-1899, l-Isqof Pietru Pace ta indulġenza ta’ erbgħin jum lil kull min jitlob b’devozzjoni quddiem din ix-xbieha. 6

 

 

 

 

l-Istatwa ta’ San Rokku, ta' fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali taż-Żejtun, qabel (xellug) u wara (lemin) ir-restawr

 

 

 

Xogħlijiet ta’ restawr

Ix-xogħlijiet ta’ restawr bdew bit-tneħħija kawtela ta’ saffi differenti ta’ żebgħa li kienu akkumulaw matul is-snin, kemm fuq l-istatwa kif ukoll fuq il-pedestall. Il-fdalijiet li kien fadal tneħħew permezz ta’ dry brushing u wet brushing. Il-fili miftuħa u deterjorati ġew imnaddfa u mtlew mill-ġdid, filwaqt li l-partijiet tal-ġebla li kienu sofrew deterjorazzjoni ġew imsewwija bl-użu tal-plastic repair sabiex reġgħet ingħatat il-profil oriġinali. Wara li tlestew l-interventi ta’ konservazzjoni, l-istatwa u l-pedestall ġew miżbugħa b’diversi applikazzjonijiet ta’ undercoat u finish sabiex jiġi żgurat saff protettiv uniformi u li jservi fit-tul. Fl-aħħar nett, l-ittri mnaqqxa fuq l-iskrizzjoni tal-irħam reġgħu nżebgħu mill-ġdid bir-reqqa b’ żebgħa sewda biex jinqraw aħjar filwaqt li tiġi rispettata id-dehra oriġinali tagħhom.

 

 

 

Referenzi

  1. Ciantar, N. (n.d.). Santu Rokku ta’ Montepellier. Kappelli Maltin www.kappellimaltin.com. Irkuprat fil-15 ta’ Lulju, 2026, minn https://kappellimaltin.com/Kitbiet/Qaddisin/Santu_Rokku/santu_rokku.html
  2. Borg, V. (2009). MELITA SACRA II: The Maltese Diocese during the Sixteenth Century. L-awtur.
  3. Debono, S. (1989). Sta. Katerina fil-folkore Malti x-xbihat u n-niċċeċ ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun. Għaqda tan-Nar 25 ta’ Novembru. Żejtun.
  4. Wirt Iż-Żejtun. (2019, August 23). In-numru tlieta u ghoxrin mis-sensiela ta’ “Nitfa” Storja’ 🔍 – Is-Statwa ta’ Santu Rokku! Facebook. Irkuprat fil-15 ta’ Lulju, 2026, minn https://www.facebook.com/photo/?fbid=2433534806734288
  5. Debono, S. (1989)
  6. Ciantar, N. (2013). Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex.