Statwa ta’ Marija Assunta, Gudja

 

Restawr tal-istatwa ta’ Marija Assunta, Gudja

Fil-qalba tal-Gudja jinsab il-misraħ tal-knisja parrokkjali, fejn insibu statwa mill-isbaħ tal-ġebel iddedikata lil Santa Marija. Din inħadmet minn Mastru Xandru Farrugia (1791-1871) u turi livell artistiku għoli, b’mod partikolari fid-dettall tal-mant u l-libsa tal-Madonna. 1 Ta’ min jinnota wkoll li l-puttini li jiffurmaw il-bażi tal-istatwa  juru xogħol ta’ skultura fin u elaborat. Element ieħor ta’ interess huwa l-inklinazzjoni tar-ras tal-Madonna flimkien mal-pożizzjoni espressiva ta’ idejha.

L-oriġini ta’ din l-istatwa hija marbuta ma’ urugan vjolenti li laqat lil Malta fid-29 ta’ Ottubru 1757. ² L-urugan huwa rraporta li kkawża qirda  kbira madwar il-ġżejjer, diversi imwiet u li qala’ ammont ta’ siġar mill-għeruq.  Waħda mill-vittmi tal-urugan kienet ħarruba antika u magħrufa sew li kienet tinsab fil-misraħ tal-Gudja.3 Din is-siġra kienet magħrufa mhux biss għall-qedem tagħha, iżda wkoll għall-ħxuna taz-zokk tagħha. Xi żmien wara dan l-urugan, il-poplu tal-Gudja ġabar fondi sabiex fuq il-post fejn kienet tinsab il-ħarruba titwaqqaf statwa tal-Verġni Marija Assunta, li kienet ilha meqjusa bħala l-protettriċi tar-raħal.

Meta nbniet l-istatwa, l-Isqof Vincenzo Labini (1735-1807) ta indulġenza ta’ erbgħin jum lil dawk li kienu jirreċitaw is-Salve Regina quddiemha. Fost id-devoti tagħha kien hemm Pietru Zammit, resident mill-Gudja, li kien jixgħel il-lampa quddiem l-istatwa kuljum. Sabiex jiżgura li din id-devozzjoni tkompli wara mewtu, huwa ħalla biċċa art żgħira fl-inħawi tar-raħal, magħrufa bħala “Ċinċja”, biex mid-dħul tagħha jitħallas iż-żejt meħtieġ sabiex il-lampa tibqa’ dejjem mixgħula.

 

 

Figura 1: L-istatwa ta’ Marija Assunta f'Gudja, qabel (xellug) u wara (lemin) ir-restawr.

 

 

Xogħolijiet ta’ restawr

Ix-xogħlijiet ta’ restawr bdew bit-tneħħija kawtela ta’ saffi differenti ta’ żebgħa li kienu akkumulaw matul is-snin, kemm fuq l-istatwa kif ukoll fuq il-pedestall. Ir-residwi li kien fadal tneħħew permezz ta’ dry brushing u wet brushing. Il-fili miftuħa u deterjorati ġew imnaddfa u mtlew mill-ġdid, filwaqt li l-partijiet tal-ġebla li kienu sofrew deterjorazzjoni ġew imsewwija bl-użu tal-plastic repair sabiex reġgħa ingħata l-profil oriġinali. Wara li tlestew l-interventi ta’ konservazzjoni, l-istatwa u l-pedestall ġew miżbugħa b’diversi saffi ta’ undercoat u finish sabiex jiġi żgurat saff protettiv uniformi, u li jservi fit-tul. Il-kanċell ornamentali protettiv tal-ferro battuto  li jdawwar l-istatwa u l-pedestall tagħha ġew miżbugħin mill-ġdid ukoll.

 

 

 

Referenzi:

  1. Terribile, T. (2000). Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin.  Pubblikazzjonijiet Indipendenza. 
  2. Brydone, P. (1773). A tour through Sicily and Malta / Vol. I.
  3. Gatt, Ġ. (1927). Niċeċ u statwi. Il-Malti, 4.

 

 

Figura 2: Ritratt antik, li jmur lura għal qabel l-1901, li juri l-istatwa ta’ Santa Marija fil-misraħ tal-knisja l-antika tal-Gudja. (Louis Cardona. Pinterest).