Il-Kolonna tal-Iljun, Triq il-Vant kantuniera ma’ Tirq l-Arċisqof – Valletta.
Fil-kantuniera ta’ Triq il-Lvant ma’ Triq l-Arċisqof fil-Belt Valletta, magħrufa bħala Fuq l-Iljun, tinsab l-istatwa tal-iljun ta’ De Vilhena fuq pedestall għoli tal-ġebel. Il-monument, li jinkludi ljun iżomm l-istemma tal-Gran Mastru Portugiż Manoel De Vilhena (1663-1735), imur lura għas-seklu 18.1
Għalkemm l-iskop oriġinali tagħha jaf m’għadux magħruf sew illum, din l-istatwa xi darba kienet isservi bħala marka viżibbli tal-proprjetà tal-Fondazione Manoel fi Triq il-Lvant.. 2 Matul il-ħakma tal-Ordni ta’ San Ġwann, din it-triq kienet magħrufa bħala Strada San Luigi, u aktar tard ingħatat l-isem Strada Levante. Id-Dar Nru 70 inbniet mill-Fondazione Manoel fuq is-sit ta’ dar eqdem li kienet tifforma parti mil-legat ta’ Domenico Bologna. Bi skambju għal din il-proprjetà, il-Fondazione Manoel ċediet lill-werrieta tal-legat ta’ Bologna l-għelieqi magħrufa bħala tad-Dar, ta’ Roner u tan-Nudar.2 Kolonna simili darba kienet tinsab fit-tarf ta’ Triq San Kristofru. 3 Huwa maħsub li din tneħħiet wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta ż-żona tal-madwar sofriet ħsarat estensivi kawża tal-attakki mill-ajru.
Tqabbil ma’ ritratti tas-seklu dsatax juru li l-iljun li llum jinsab fuq il-kolonna fil-kantuniera bejn Triq il-Lvant u Triq l-Arċisqof mhuwiex l-oriġinali.
Jidhru b’mod ċar differenzi notevoli kemm fl-istemma u fix-xagħar tal-iljun (ara Figura 2 u Figura 3). Din l-iskultura milli jidher ġiet mibdula wara li l-oriġinali ġarrbet ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Skont xi sorsi, l-iskultura l-ġdida hija attribwita lill-iskultur Marco Montebello, li fl-1940 kien ġie msejjaħ għas-servizz militari obbligatorju. 4 Minħabba t-talent artistiku tiegħu, hu tqabbad biex iwettaq xogħlijiet ta’ restawr fuq binjiet u monumenti storiċi li kienu ġarrbu ħsarat kawża tal-gwerra.5
Il-monument ġie skedat fl-2008 bħala monument nazzjonali ta’ Grad 16 u ġie rrestawrat ftit wara minn Din L-Art Ħelwa fl-20097. Fi 2020, reġa’ ġie kkunsidrat li kien jeħtieġ intervent u twettaq xogħol ġdid mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Proċess ta’ Restawr
Il-fażi inizjali tal-intervent kienet tikkonsisti fit-tneħħija ta’ saffi ta’ materjal żejjed li akkumula matul is-snin u fit-tindif bir-reqqa, bl-idejn, tad-depożiti li kienu qed jiddistakkaw ruħhom. L-istatwa u l-pedestall tagħha tnaddfu permezz ta’ soft brushes, filwaqt li l-fili li ma kienux fi stat tajjeb ġew imnaddfa. Il-wiċċ tal-ġebla li kien fraġli u mfarrak, b’mod partikolari dak tal-istemma tal-iljun, ġie kkonsolidat permezz ta’ ammonium oxalate poultices. Żoni b’tbajja’ skuri kkawżati minn tkabbir bijoloġiku fuq dahar l-iljun ġew ittrattati b’biocide-containing poultices. Sar ukoll tibdil lokalizzat tal-ġebla fejn il-materjal oriġinali kien strutturalment dgħajjef, filwaqt li partijiet li kienu tilfu d-definizzjoni tagħhom ġew imsewwija sabiex id-dettalji jinqraw aħjar. It-taħlitiet kollha tat-tajn użati matul ix-xogħlijiet ta’ konservazzjoni kienu bbażati fuq natural hydraulic lime.
Referenzi:
- Restoration and Preservation Department. (2024). Restoration Works Scheme for Local Councils. Projects Undertaken by the Restoration Directorate.
- Denaro, V.F. (1962). Still more houses in Valletta. Melita Historica, 3(3), 42-58
- Morana, M. (2023). L-Imkejjen tal-Belt Valletta. (Meħud minn https://kliemustorja.com/2023/07/29/l-imkejjen-tal-belt-valletta/ misjuba 09.07.2026.)
- Pace, J. (2026, February 3). Dak l-iljun qieghed il-belt hdejn il-Barrakka t isfel, kien skolpieh l skultur famuz u kapacissimu MARCO MONTEBELLO. Li hadem hafna (…) [Kumment fuq “Nostalgia Malta | Valletta – Iljun fuq pedestal tal-gebel bil-Coat of arms tal-Gran Mastru Vilhena | Facebook”].
- Bonnici Cali’, R. (1988). Artisti Li Niftakar (64). Marco Montebello (1915-1988). Leħen is-Sewwa. 20 ta’ Lulju 1988.
- Legal Notice 276/08 ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, Nr. 18.218 (28.03.2008)
- Din l-Art Ħelwa – National Trust of Malta. (2023, September 5). De Vilhena Lion Statue, Valletta. Misjuba April 23, 2026, meħud minn https://www.static.dinlarthelwa.org/heritage-sites/de-vilhena-lion-statue-valletta-2/