Restawr tal-Knisja Parrokkjali l-Qadima tas-Salvatur, Ħal Lija
Il-Knisja Parrokkjali l-Qadima tas-Salvatur f’Ħal Lija serviet bħala l-knisja parrokkjali mill-1594 sal-aħħar tas-seklu sbatax. Hija rikonoxxuta bħala waħda mill-aqwa eżempji tal-arkitettura ekkleżjastika bikrija Maltija u ntgħażlet għall-użu parrokkjali minħabba l-istat eċċezzjonali li kienet tinsab fih, kif innota d-delegat Papali Mons. Dusina fl-1575.1
Oriġinarjament il-knisja kienet iddisinjata bħala navi rettangolari sempliċi msaqqfa bi troll bil-ħnejjiet. Il-binja tkabbret b’żewġ kappelluni u b’koppla fuq tambur għoli.² Dan it-tkabbir żied aktar spazju għall-altari u twieqi fit-tambur tal-koppla li daħħal dawl naturali, karatteriska ġdida fid-disinn tal-knejjes Maltin. Il-binja bil-forma ta’ salib Latin influwenzat ħafna knejjes parrokkjali li nbnew wara.
Il-knisja hija magħrufa għal faċċata eleganti bil-bieb tas-seklu sittax, skultura elaborata u saljaturi mżejjnin. Ħafna miIl-bibien antiki, llum huma magħluqa ħlief dawk tal-punent u tan-nofsinhar; b’mod partikolari id-daħla tal-kappellun tan-nofsinhar tispikka bi gwarniċun dekorattiv u dettalji minquxin.3
Il-bieb tat-tramuntana huwa sempliċi iżda antik. Wara li kienet tintuza bħala maħżen fis-seklu għoxrin, il-knisja ġiet restawrata għall-użu parrokkjali fl-1928.4 Illum din il-knisja hija l-aktar monument importanti ta’ Ħal Lija u hi eżempju straordinarju tal-arkitettura Maltija tas-seklu sittax.
Il-Proċess ta’ Restawr
Ir-restawr kien estensiv bl-għan li jippreserva u jikkonserva dan il-wirt kulturali imprezzabbli. Sar tindif tal-faċċati, tal-bejt u tal-koppla mill-patina bijoloġika u ħmieġ, Tneħħa l-kisi bis-siment u l-fili miftuħin imtlew b’taħlita ibbażata fuq il-ġir. Ġebel immermer, speċjalment madwar il-bibien, ġie mibdul u lavur miksur jew nieqes, minħabba msiemer imsaddin fil-lavur tal-koppla u tal-bejt , inħadem mill-ġdid bl-idejn. Skultura bi ħsara kbira, inkluż l-kolonni tal-bibien, reġgħet ġiet skolpita. Ħsarat żgħar fil-ġebla ġew irranġati b’kisi fuq bażi ta’ ġir u fissuri fil-ħitan ingħalqu. L-aperturi reġgħu nżebgħu, id-deffun tal-bjut u tal-koppla ssewwa, is-salib tal-ġebel inħadem mill-ġdid wara li nqasam f’maltempata, u ġiet installata protezzjoni kontra l-ħamiem b’xibka u ħadid bil-ponta.
Referenzi
- Buhagiar, M. (n.d.). The Old Parish Church of Our Saviour at Lija. University of Malta. https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/75753
- Ibid..
- Ibid..
- Ibid..