Restawr tal-Kappella ta’ San Filippu u San Ġakbu (Tal-Prepostu), San Ġwann
Il-kappella ddedikata lil San Filippu u San Ġakbu, magħrufa bħala Tal-Prepostu, inbniet minn Dun Gaspare Giuseppe Vassallo fl-1730 fuq art f’Ta’ Wied Għomor.1 Dħul annwali minn proprjetà f’Birkirkara, li kien jaqa’ taħt l-istess parroċċa, iffinanzja l-bini ta’ din il-knisja li kienet taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tan-nies tal-inħawi.2 Fuq l-altar kien hemm pittura ta Ġannikol Buhagiar li turi liż-żewġ appostli. Tard fis-seklu għoxrin, il-kappella saret parti mill-parroċċa ta’ San Ġwann.3
Karatteristiċi Arkitettoniċi
Il-kappella għandha faċċata sempliċi u eleganti b’ġwarniċuni fuq il-bieb u taħt il-pediment. Fuq id-daħla naraw tieqa żgħira b’xi ġebel jisporġi ’l barra minn taħta, possibliment preparati biex issir xi stemma. Il-frontispizju għandu żewġ pilastri mżejjnin bil-gastra. Bejn il-pilastri fiċ-ċentru hemm kampnar sempliċi żgħir li fih tiddendel il-qanpiena u li għandu salib fil-quċċata. Fl-1994, il-kappella ġiet skedata bħala bini ta’ Grad 1 minħabba l-valur kulturali u storiku tagħha.
Il-Proċess tar-Restawr
Ix-xogħlijiet ta’ restawr twettqu biex jiġi kkonservat il-valur storiku tal-kappella. Tneħħew inserzjonijiet tal-metall u residwi bijoloġiki. Waqt li il-ġebla kienet fil-maġġorparti f’kundizjoni tajba, il-partijiet difettużi ġew irrestawrati bil-plastic repair. Il-fili tal-faċċat ġew imnaddfa u mimlija mill-ġdid bil-hydraulic lime. Ġew irrestawrati ukoll il-bieb prinċipali, it-tieqa u x-xogħol tal-ħadid. Twettqu ukoll xogħlijiet ta’ restawr fuq is-salib u fuq il-kampnar.
Referenzi:
- Xuereb, P. (n.d.). Il-Knisja ta’ San Filippu u San Ġakbu, magħrufa wkoll bħala “Tal-Prepostu” f’Tal-Balal ~ limiti ta’ San Ġwann ~ (By N. Ciantar). Kappelli Maltin https://kappellimaltin.com. Retrieved February 26, 2026, from https://kappellimaltin.com/Il-Kappelli/Sett08/SGN_Tal-Prepostu/sgn_tal-prepostu.html
- Kummissjoni Kapitulari Kolleġjata u Bażilika Sant’Elena (Birkirkara, Malta) (1995) Il-Knisja tal-‘Prepostu’, ‘Programm tal-festa Sant’Elena [Imp. Awg.] fil-Bażilika Kolleġjata Birkirkara, 1995’, pp. 34-37
- Xuereb (n.d.)