Restawr tan-Niċċa ta’ Santa Marija Assunta, fl-Imqabba
In-niċeċ jew statwi devozzjonali marbuta mal-fidi Kattolika Rumana huma xeni familjari madwar Malta u nsibuhom kemm f’żoni urbani kif ukoll f’żoni rurali. Din in-niċċa, li tinsab fuq il-faccata tad-dar fi Triq il-Parroċċa, tinkludi statwa ta’ Santa Marija bl-anġli u huwa maħsub li nħadmet minn Marjanu Gerada. Hemm min jaħseb li forsi kienet ispirata minn pittura li tinsab fil-kappella ta’ Ħal Farruġ.1 2 Fid-djarju tiegħu Toni Ellul (n.d., kif iċċitat f’Farrugia, 1999), jiddeskrivi din-niċċa bħala sit ta’ devozzjoni speċjalment matul u wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Plakka kommemorattiva taħt in-niċċa turi wkoll is-sena 1878.
Il-Proċess ta’ Restawr
It-tindif ta’ mikro-organizmi beda mill-parti l-aktar għolja tan-niċċa u niżel bil-mod sal-pedestall. Saru testijiet ta’ tindif (mekkaniċi u kimiċi) biex jiġi identifikat il-metodu l-aktar effiċjenti u l-inqas invażiv li kellu jintuża. It-tindif sar l-aktar b’mod mekkaniku, bl-użu ta’ ilma nadif u xkupilji tan-nylon. Għaż- żebgħa li kienet qed titqaxxar, kienu meħtieġa għodod oħra għat-tindif bħal xfafar kirurġiċi. Trattamenti kimiċi kienu wkoll meħtieġa f’żoni speċifiċi biex jitneħħew depożiti persistenti ta’ żebgħa. Wara li tneħħiet iż-żebgħa li kienet qed titqaxxar u saru t-tiswijiet meħtieġa bil-plastic repair, ġiet applikata velatura (tibjida ħafifa ta’ ġir) trasparenti biex tipproteġi l-wiċċ tal-ġebla.
Referenzi
- Farrugia, G. (1999). Storja tan-niċeċ fl-Imqabba.
- Farrugia, G. (2012). Il-knisja tal-Vitorja. Festa titulari Sant’Andrija, Luqa, 2012, 161, 163.