Restawr tan-Niċċa tal-Arkanġlu San Mikiel, fl-Imqabba
Din in-niċċa li tinsab fi Triq il-Parroċċa (li qabel kienet magħrufa bħala Triq id-Duluri), hija ddedikata lil San Mikiel Arkanġlu. Dak iż-żmien dawn l-inħawi kienu fit-tarf tar-raħal u n-niċċa tqegħdet hemm biex tfakkar lil min kien qed jivvjaġġa lejn is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, biex jgħid talba għall-protezzjoni fi żminijiet imqallba tal-1850s.¹
Farrugia jsemmi wkoll avvenimenti straordinarji li kienu rrappurtati li seħħew qrib din in-niċċa.² Skrizzjoni qrib in-niċċa tindika li indulġenzi kienu qed jingħataw mill-Isqof Buhagiar fl-1888.³ Indulġenzi kienu wkoll irreġistrati bħala mogħtija fl-1839 lil dawk id-devoti li jitolbu quddiem din in-niċċa.⁴
Il-Proċess ta’ Restawr
Sar tindif tal- mikro-organizmi bijoloġiku. Saru testijiet ta’ tindifbiex jiġi identifikat il-metodu l-aktar effiċjenti u l-inqas invażiv li kellu jintuża. It-tindif sar l-aktar b’mod mekkaniku, bl-użu ta’ ilma nadif u xkupilji tan-nylon. Fuq depożiti aktar reżistenti kienu meħtieġa għodod oħra għat-tindif—bħal xfafar kirurġiċi. Wara li saru t-tiswijiet meħtieġa bil-plastic repair, ġiet applikata velatura (tibjida ħafifa ta’ ġir) trasparenti biex tipproteġi l-wiċċ tal-ġebla.
Saret rikostruzzjoni ta’ partijiet nieqsa bħax-xabla, parti minn naħa t’isfel tal-ġewnaħ tal-lemin ta’ San Mikiel, kif ukoll il-kantuniera tan-naħa t’isfel tal-lemin tal-pedestall. Il-katina li permezz tagħha San Mikiel qed iżomm lix-xitan ġiet mibdula wkoll.
Referenzi
- Farrugia, G. (1999). Storja tan-niċeċ fl – Imqabba.
- Ibid.
- Ibid.
- Terribile, T. (1989). Niċeċ fl-Imqabba.