Oratorju Qalb ta’ Ġesù, Mosta

 

Restawr tal-faċċata tal-Oratorju Qalb ta’ Ġesù, Mosta

L-ewwel persuna li ħasbet f’oratorju għat-tfal f’Malta kien Dun Karm Gauci. L-Oratorju tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù ġie inawgurat fis-7 ta’ Ġunju 1914 oriġinarjament fi Triq il-Kungress Ewkaristiku.1 Wara li biddel il-post diversi drabi, inxtrat art mingħand il-Patrijiet Agostinjani f’dik li aktar tard issemmiet Triq l-Oratorju, fejn tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-binja l-ġdida fil-11 ta’ Novembru 1928. 2 Il-perit tal-proġett kien Annetto (Nettu) Mifsud Ellul u x-xogħol tmexxa mill-imgħallem mastru Salvu Zahra.

L-oratorju kien jinkludi kappella, kmamar għat-tagħlim tad-duttrina, bitħa għall-logħob u teatru. Il-binja ġiet inawgurata mill-Arċisqof Don Mauro Caruana fit-8 ta’ Ġunju 1940. 3 Matul is-snin laqa’ fih diversi għaqdiet soċjali u reliġjużi Mostin, filwaqt li serva wkoll ta’ kenn għar-refuġjati fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fid-19 ta’ Jannar 1942 bomba waqgħet quddiem l-oratorju u kkawżat ħsarat, ġarrfet xi bini fil-viċin u intilfu sitt ħajjiet.4

Dan l-oratorju baqa’ post importanti ħafna għall-Mostin, mhux biss għat-tagħlim reliġjuż, iżda wkoll bħala ċentru komunitarju, ta’  tagħlim u ta’ ħajja soċjali għall-komunità.5

 

L-Oratorju tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, qabel (xellug) u wara (lemin) ir-restawr

 

 

Xogħol ta’ restawr

Il-proġett kien immirat lejn ir-restawr tal-faċċata tal-oratorju u tal-istatwi. 6 Ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-tneħħija tal-kisi tas-siment, it-tindif tal-ġebel minn tkabbir bijoloġiku u depożiti superfiċjali oħra, il-ftuħ tal-fili difettużi u l-mili tagħhom b’taħlita bbażata fuq il-ġir, kif ukoll it-tiswija u tibdil ta’ partijiet tal-ġebel iddeterjorati. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu wkoll xi tiswijiet żgħar fl-aperturi tal-injam. Iż-żewġ statwi tal-ġebel skolpiti minn Gianni Bonnici fl-1968 ġew imnaddfa mis-sealer. 7 Saru wkoll xogħlijiet aktar estensivi fuq l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesù Mqaddsa, li hija magħmula mill-konkos  u nħadmet mill-iskultur Giovanni Spiteri Sacco. 8 Idejn l-istatwa ta’ Spiteri Sacco kellhom jiġu rikostruwiti bl-użu tal-fiberglass.

 

Referenzi:

  1. Vassallo, M. T. (2016). Għalfejn u kif beda kollox. In L-Oratorju Qalb ta’ Gesù tal-Mosta: bl-istorja u l-istejjer tiegħu. Mosta: Parroċċa Marija Assunta. Mosta : Soċjetà Filarmonika Santa Marija.
  2. Vassallo, L. (2016). L-Oratorju u l-kappella tal-Qalb ta’ Ġesu : opra ġo oħra t-tnejn irnexxew … Annwal [festa Santa Marija, Mosta,] 2016
  3. Vassallo, L. (2016).
  4. Camilleri, Anthony (1990), L-Oratorju Qalb ta’ Ġesù, Mosta, Mosta: ippubblikat fil-forma ta’ faxxikli f’Il-Mosta
  5. Vassallo, L. (2016).
  6. Restoration and Preservation Department. (2024). Restoration Works Scheme for Local Councils. Projects Undertaken by the Restoration Directorate. 
  7. Vassallo, M. T. (2016).
  8. Vassallo, M. T. (2016).