Xogħlijiet ta’ Restawr u Konservazzjoni – Turretta tal-Akwadott ta’ Wignacourt, Santa Venera.
It-Turretta tal-Akwadott ta’ Wignacourt f’Santa Venera, magħrufa wkoll bħala t-Turretta ta’ San Ġużepp, kienet oriġinarjament mibnija fil-bidu tas-seklu sbatax bħala parti mill-proġett tal-akwadott ikkummissjonat mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt (1610–1614),1 u d-disinn tagħha jirrifletti t-torrijiet tal- għassa kostali ta’ De Redin. It-turretta kienet isservi bħala punt ta’ spezzjoni għas-sistema tal-akwadott li kienet tipprovdi l-Belt Valletta b’ilma frisk.2 It-turretta timmarka punt kruċjali fejn l-arkati tal-ġebel tal-akwadott jingħaqdu mal-kanali taħt l-art li jwasslu lejn il-Belt Valletta.
Mibnija mill-ġebla tal-franka, din l-istruttura għandha karatteristiċi ta’ żewġ sulari mibnija fuq bażi b’saħħitha u kull sular għandu tisqifa partikolari tiegħu. Il-pjan terran jinkludi struttura solida b’passaġġ dejjaq u garigor. L-ewwel sular jikkonsisti f’kuritur li fih insibu toqob għal-azzarini li minnhom tista’ tosserva l-madwar b’mod strateġiku.It-tieni sular jikkonsisti fi kmamar tal-ilma, li fil-passat kienu jmexxu l-ilma mill-arkati tal-akwadott fil-kanali taħt l-art.
It-Torri tal-Akwedott ta’ Wignacourt, Santa Venera, qabel, u wara, ir-restawr.
Ix-Xogħlijiet ta’ Restawr
Is-saqaf tneħħa u tpoġġa mill-ġdid fl-2022, filwaqt li t-turretta ġiet restawrata kompletament fl-2023. L-interventi li saru ffukaw prinċipalment fuq ir-restawr tal-faċċati, it-tqegħid ġdid tal-paviment u l-kisi tal-passaġġ eżistenti fil-pjan terran, kif ukoll bdil tal-aperturi tal-injam li kienu ddeterjoraw wisq biex jissewwew. Tneħħew il-fili ddeterjorati, tiswijiet bis-siment, u kisi ieħor; il-ġebel tnaddaf bi xkupilji u bl-ilma. Tebgħat persistenti ġew ittrattati bl-impakki (poultice), u tkabbir bijoloġiku ġie indirizzat b’applikazzjoni ta’ bioċida. Il-fili intlew bl-użu ta’ tajn bil-ġir u t-tiswijiet saru b’ materjali kompatibli. Fejn kien possibbli, it-tibdil fil-ġebel kien minimu. L-aperturi l-ġodda kollha ġew iddisinjati u manifatturati bħala replika tal-aperturi oriġinali bl-użu ta’ metodi u kuluri tradizzjonali, u biż-żebgħa taż-żejt.
- “The Water Supply of the Maltese Islands”. Archivum Melitense. VII (1). Malta Historical and Scientific Society: 6–7. 1922
- Spiteri, Stephen C. (2013). “In Defence of the Coast (I) – The Bastioned Towers”. Arx – International Journal of Military Architecture and Fortification (3): 42, 79