Restawr tal-Knisja ta’ San Ġakbu, Xgħajra
Fl-1933 nibet il-ħsieb li tinbena l-Knisja ta’ San Ġakbu fix-Xgħajra biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-komunità lokali li kienet qed tikber. L-ewwel ġebla tpoġġiet u tbierket mill-Isqof Dun Mauro Caruana fit-23 ta’ Lulju 1933 bil-bini jitwettaq fuq pjanta mħejjija minn Giuseppe Lia. Ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni ġew interrotti waqt it-Tieni Gwerra Dinjija meta r-residenti ġew evakwati, iżda x-xogħol tkompla wara tmiem il-gwerra u l-knisja fl-aħħar ġiet inawgurata fis-6 ta’ Jannar 1951.1 2
Ix-Xogħlijiet ta’ Restawr
Il-proġett ta’ konservazzjoni ffoka fuq tindif, tiswija, salvagwardja tat-tessut tal-ġebla u d-dettalji arkitettoniċi. Tneħħiet iż-żebgħa li kienet qed titqaxxar u reġgħet ġiet applikata biss fuq partijiet mill-faċċata, wara li tnaddfu l-fili u sar it-tikħil. Il-faċċata tnaddfet bl-ilma u bi xkupilji, filwaqt li d-depożiti suwed fuq il-partijiet dekorattivi tneħħew permezz ta’ poulticing. Residwi aktar reżistenti ġew itrattati bil-bikarbonat tal-ammonju jew micro-sandblasting.
Il-fili ġew imnaddfa b’reqqa mit-tajn li kien beda jfalli u [ew mimlija mill-ġdid b’taħlita ta’ hydraulic lime, ramel, u trab tal-ġebla, xi drabi biż-żieda ta’ xi trab tal-fuħħar biex jinkiseb il-kulur mixtieq. Elementi dekorattivi tal-ġebel nieqsa jew deterjorati ġew mibdula b’oħrajn simili. Il-kisi li kien qiegħed jitbewwaq tneħħa, u ġiet applikat kisja ġdida bbażata fuq ġir u trab fin tal-ġebel sabiex tinżamm id-dehra tradizzjonali Mediterranja tal-knisja.
Ħafna mill-balavostri li kienu f’qagħda ħażina ħafna ġew mibdula. Barra minn hekk, saru tiswijiet meħtieġa fuq is-saqaf sabiex jiġi evitat li jidħol l-ilma u tiġi żgurata l-preservazzjoni fit-tul tal-binja.
- P. Pace, Storja u Kultura Ħaż-Żabbar, 2013
- A. Guillaumier, Bliet u Rħula Maltin, Vol. II, 2005